Ġożwè 23:1-16

  • Ġożwè jsellem lill-mexxejja t’Iżrael (1-16)

    • Il-wegħdi taʼ Ġeħova seħħew kollha (14)

23  Ħafna jiem wara li Ġeħova ppermetta lil Iżrael ikollu l-paċi billi salvah mill-għedewwa kollha taʼ madwaru, meta Ġożwè xjaħ u kien wasal biex imut, 2  Ġożwè ġabar lil Iżrael kollu, l-anzjani,* il-kapijiet, l-imħallfin, u l-uffiċjali tiegħu, u qalilhom: “Jien xjaħt u wasalt biex immut. 3  Intom rajtu kulma Ġeħova l-Alla tagħkom għamel lil dawn il-popli kollha biex jgħinkom, għax kien Ġeħova l-Alla tagħkom li ġġieled għalikom. 4  Jien qassamtilkom bix-xorti* l-art tal-popli li baqaʼ bħala wirt għat-tribujiet tagħkom, kif ukoll l-art tal-popli kollha li qridt, mill-Ġordan sal-Baħar il-Kbir* lejn il-Punent.* 5  U kien Ġeħova l-Alla tagħkom li baqaʼ jwarrabhom minn quddiemkom, u keċċiehom* għalikom, u intom ħadtu arthom f’idejkom, bħalma kien wegħedkom Ġeħova l-Alla tagħkom. 6  “Issa tridu tkunu kuraġġużi ħafna biex tobdu u tagħmlu kulma hemm miktub fil-ktieb tal-Liġi taʼ Mosè, billi qatt ma twarrbu minnu lejn il-lemin jew lejn ix-xellug 7  u billi qatt ma titħalltu maʼ dawn il-popli li baqaʼ magħkom. Lanqas biss għandkom issemmu l-ismijiet t’allathom jew taħilfu bihom, u qatt m’għandkom taqduhom jew tmilu quddiemhom. 8  Imma għandkom tintrabtu maʼ Ġeħova l-Alla tagħkom, bħalma għamiltu sal-lum. 9  Ġeħova se jkeċċi lil popli kbar u b’saħħithom minn quddiemkom bħalma għamel sal-lum, għax ħadd ma kien kapaċi jegħlibkom. 10  Wieħed minnkom se jiġri wara elf, għax hu Ġeħova l-Alla tagħkom li qed jiġġieled għalikom, bħalma wegħedkom. 11  Għalhekk, kunu għassa l-ħin kollu billi tħobbu lil Ġeħova l-Alla tagħkom. 12  “Imma jekk idduru lura u tintrabtu maʼ dawk li baqaʼ magħkom minn dawn il-popli u titħalltu biż-żwieġ magħhom u tagħmluha magħhom, 13  kunu ċerti li Ġeħova l-Alla tagħkom mhux se jkompli jkeċċi lil* dawn il-popli għalikom. Huma jsiru għalikom nasba, nassa, daqqiet taʼ frosta fuq ġenbejkom, u xewk f’għajnejkom sakemm tinqerdu minn fuq din l-art tajba li takom Ġeħova l-Alla tagħkom. 14  “Issa ara, jien wasalt biex immut,* u intom tafu sew b’qalbkom u b’ruħkom* kollha li ma kienx hemm wegħda li ma seħħitx mill-wegħdi tajbin kollha li Ġeħova l-Alla tagħkom qalilkom. Kollha saru għalikom. Ma kienx hemm kelma waħda minnhom li baqgħet ma seħħitx. 15  Imma bħalma saru għalikom il-wegħdi tajbin kollha li qalilkom Ġeħova l-Alla tagħkom, hekk ukoll Ġeħova jġib fuqkom il-gwaj kollu li wiegħed* u jeqridkom għalkollox minn din l-art tajba li takom Ġeħova l-Alla tagħkom. 16  Jekk tiksru l-patt taʼ Ġeħova l-Alla tagħkom li kkmandakom biex tobdu u jekk tmorru u taqdu allat oħrajn u tmilu quddiemhom, Ġeħova jirrabja ħafna magħkom u tinqerdu malajr mill-art tajba li takom.”

Noti taʼ taħt

Jew “tajtkom.”
Jiġifieri l-Mediterran.
Jew “lejn inżul ix-xemx.”
Jew “ħadilhom il-propjetà tagħhom.”
Jew “jieħu l-propjetà taʼ.”
Letteralment “jien illum sejjer fit-triq tal-art kollha.”
Jew “il-kelma ħażina kollha.”