Ġenesi 24:1-67

  • Qaddej ifittex mara għal Iżakk (1-58)

  • Rebekka tmur tiltaqaʼ m’Iżakk (59-67)

24  Issa Abraham kien imdaħħal fiż-żmien u Ġeħova kien bierku f’kollox. 2  Abraham qal lill-qaddej tiegħu, l-ixjeħ wieħed f’daru u li kien qed jiħodlu ħsieb kulma kellu: “Jekk jogħġbok, qiegħed idek taħt koxxti, 3  u aħlifli b’Ġeħova, l-Alla tas-sema u tal-art, li ma tiħux mara għal ibni mill-bniet tal-Kangħanin, li qed ngħix f’nofshom. 4  Imma mur fil-pajjiż tiegħi u għand qrabati, u sib mara għal ibni Iżakk.” 5  Madankollu, il-qaddej qallu: “U jekk il-mara ma tkunx trid tiġi miegħi f’din l-art? Għandi jien nieħu lil ibnek lura lejn l-art li minnha int ġejt?” 6  U Abraham wieġbu: “Agħmel ċert li ma tiħux lil ibni hemmhekk. 7  Ġeħova, l-Alla tas-sema, li ħariġni minn dar missieri u minn art qrabati u li kellimni u ħalifli: ‘Lid-dixxendenti tiegħek* se nagħtiha din l-art,’ se jibgħat l-anġlu tiegħu qablek, u int żgur li ssib mara għal ibni minn hemmhekk. 8  Imma jekk il-mara ma tkunx trid tiġi miegħek, int tkun ħieles minn din il-ħalfa. Imma tiħux lil ibni hemmhekk.” 9  U l-qaddej qiegħed idu taħt il-koxxa taʼ sidu Abraham u ħaliflu fuq din il-kwistjoni. 10  Għalhekk, il-qaddej ħa għaxar iġmla minn taʼ sidu u telaq. Hu ħa wkoll kull xorta taʼ rigali mingħand sidu. Imbagħad telaq lejn il-Mesopotamja, lejn il-belt taʼ Naħor. 11  U waqaf biex l-iġmla jistrieħu ħdejn bir ’il barra mill-belt. Kien kważi filgħaxija, il-ħin meta n-nisa kienu joħorġu jimlew l-ilma. 12  Imbagħad qal: “Ġeħova, l-Alla taʼ sidi Abraham, jekk jogħġbok, ħalli kollox imur sew illum u uri mħabba u lealtà* maʼ sidi Abraham. 13  Jien qiegħed hawn ħdejn għajn tal-ilma, u l-bniet tan-nies tal-belt ħerġin jimlew l-ilma. 14  Jien se ngħid lil waħda mit-tfajliet, ‘Jekk jogħġbok, niżżel il-ġarra tal-ilma biex nixrob.’ Jekk tgħidli, ‘Ixrob, u jien nagħti wkoll l-ilma lill-iġmla tiegħek,’ jien se nkun naf li din hi l-waħda li int għażilt għall-qaddej tiegħek Iżakk u li int urejt imħabba u lealtà maʼ sidi.” 15  Saħansitra qabel ma spiċċa jitkellem, Rebekka, it-tifla taʼ Betwel, bin Milka, mart Naħor, ħu Abraham, ħarġet bil-ġarra tal-ilma fuq spallitha. 16  It-tfajla kienet sabiħa ħafna u verġni. Ebda raġel ma kellu relazzjoni sesswali magħha. Hi niżlet lejn l-għajn, imliet il-ġarra tal-ilma, u mbagħad reġgħet telgħet. 17  Minnufih, il-qaddej mar jiġri biex jiltaqaʼ magħha u qalilha: “Jekk jogħġbok, agħtini naqra ilma mill-ġarra tiegħek.” 18  Wiġbitu: “Ixrob sidi.” U malajr niżżlet il-ġarra tagħha fuq idha u tatu jixrob. 19  U wara li tatu jixrob, qaltlu: “Ħa nimla l-ilma għall-iġmla tiegħek ukoll biex jixorbu sakemm jixbgħu.” 20  Għalhekk, hi malajr battlet il-ġarra tagħha fil-ħawt tal-ilma u ġriet kemm-il darba lejn il-bir, u baqgħet timla l-ilma għall-iġmla kollha tiegħu. 21  Sadanittant, ir-raġel qagħad iħares lejha għal ħin twil bla ma qal xejn, għax kien sorpriż. Hu beda jitħasseb jekk Ġeħova kienx diġà għenu jirnexxi fil-vjaġġ tiegħu. 22  Meta l-iġmla kienu xorbu, ir-raġel ħareġ misluta tad-deheb għal imneħirha tiżen nofs xekel* u żewġt iċpiepet tad-deheb li kienu jiżnu għaxar xwiekel,* 23  u qalilha: “Jekk jogħġbok għidli, bint min int? Hemm post għalina f’dar missierek biex inqattgħu l-lejl?” 24  Għal dan wiġbitu: “Jien it-tifla taʼ Betwel, li jiġi t-tifel taʼ Milka u Naħor.” 25  Qaltlu wkoll: “Għandna tiben u ħafna għalf, kif ukoll post fejn tqattgħu l-lejl.” 26  Imbagħad ir-raġel miel u nxteħet fl-art quddiem Ġeħova 27  u qal: “Ħa jkun imfaħħar Ġeħova, l-Alla taʼ sidi Abraham, għax hu baqaʼ juri mħabba u lealtà maʼ sidi u żamm il-wegħda tiegħu miegħu. Ġeħova ggwidani lejn id-dar taʼ ħut sidi.” 28  U t-tfajla ġriet biex tgħid b’dan lil dawk taʼ dar ommha. 29  Issa Rebekka kellha ħuha jismu Laban. U Laban mar jiġri lejn ir-raġel li kien barra ħdejn l-għajn. 30  U meta ra l-misluta fi mnieħer oħtu Rebekka u ċ-ċpiepet f’idejha u semagħha tgħid x’qalilha r-raġel, hu mar jiltaqaʼ miegħu waqt li dan kien għadu maġenb l-iġmla ħdejn l-għajn. 31  Minnufih qallu: “Ejja, int li għandek il-barka taʼ Ġeħova. Għala se tibqaʼ hawn barra? Jien lestejt id-dar u post għall-iġmla.” 32  Imbagħad ir-raġel daħal id-dar, u hu* ħatt it-tagħbija minn fuq l-iġmla u ta t-tiben u l-għalf lill-iġmla. Hu tah l-ilma biex hu u l-irġiel li kienu miegħu jaħslu saqajhom. 33  Imma meta ngħata xi ħaġa x’jiekol, hu qal: “M’iniex se niekol qabel ma ngħidlek dak li għandi x’ngħid.” Allura Laban qallu: “Tkellem!” 34  U hu qal: “Jien il-qaddej t’Abraham. 35  U Ġeħova bierku sew lil sidi u għamlu sinjur ħafna billi tah nagħaġ u baqar, fidda u deheb, qaddejja rġiel u nisa, u iġmla u ħmir. 36  Barra minn hekk, Sara mart sidi wellditlu iben fi xjuħitha, u hu se jagħtih kulma għandu. 37  Għalhekk, sidi ġegħelni naħlef billi qalli: ‘Tiħux mara għal ibni mill-bniet tal-Kangħanin, li qed ngħix f’arthom. 38  Le, imma mur f’dar missieri u għand il-familja tiegħi, u sib mara għal ibni.’ 39  Imma jien għedt lil sidi: ‘U jekk il-mara ma tkunx trid tiġi miegħi?’ 40  Hu qalli: ‘Ġeħova, li lilu jien qdejt,* jibgħat l-anġlu tiegħu miegħek u żgur li jgħinek tirnexxi fil-vjaġġ tiegħek, u trid issib mara għal ibni mill-familja tiegħi u minn dar missieri. 41  Int tkun meħlus mill-ħalfa li għamiltli jekk tmur għand il-familja tiegħi u ma jagħtuhilekx. Dan jeħilsek mill-ħalfa tiegħek.’ 42  “Meta llum wasalt ħdejn l-għajn, għedt: ‘Ġeħova, l-Alla taʼ sidi Abraham, jekk tgħinni nirnexxi fil-vjaġġ tiegħi, 43  ħa jseħħ dan: Waqt li qiegħed hawn ħdejn l-għajn tal-ilma toħroġ tfajla timla l-ilma, u jien ngħidilha, “Jekk jogħġbok, ħa nixrob naqra ilma mill-ġarra tiegħek,” 44  u hi tgħidli, “Ixrob, u jien se nimla l-ilma wkoll għall-iġmla tiegħek.” Ħa tkun din il-mara li Ġeħova għażel għal bin sidi.’ 45  “Qabel ma lħaqt spiċċajt nitlob f’qalbi, ħarġet Rebekka bil-ġarra tagħha fuq spallitha, u niżlet lejn l-għajn u bdiet timla l-ilma. Imbagħad għedtilha: ‘Jekk jogħġbok, agħtini nixrob.’ 46  U hi malajr niżżlet il-ġarra tagħha minn fuq spallitha u qalet: ‘Ixrob, u jien nagħti wkoll l-ilma lill-iġmla tiegħek.’ Imbagħad xrobt, u hi tat ukoll l-ilma lill-iġmla. 47  Wara dan staqsejtha, ‘Bint min int?’ u hi qaltli, ‘Jien it-tifla taʼ Betwel, li jiġi t-tifel taʼ Milka u Naħor.’ Għalhekk, libbistha l-misluta fi mneħirha u ċ-ċpiepet f’idejha. 48  U milt u nxtħett fl-art quddiem Ġeħova u faħħart lil Ġeħova, l-Alla taʼ sidi Abraham, li kien mexxieni fit-triq it-tajba biex nieħu lil bint ħu sidi għal ibnu. 49  U issa għiduli jekk tixtiequ turu mħabba* u lealtà maʼ sidi, imma jekk le, għiduli, sabiex inkun naf x’se nagħmel.”* 50  Imbagħad Laban u Betwel wieġbu: “Dan hu minn Ġeħova. Aħna ma nistgħux ngħidulek iva jew le. 51  Hawn hi Rebekka quddiemek. Ħudha u mur, u ħa ssir mart bin sidek, bħalma qal Ġeħova.” 52  Meta l-qaddej t’Abraham semaʼ kliemhom, hu mill-ewwel miel u nxteħet fl-art quddiem Ġeħova. 53  U l-qaddej ħareġ oġġetti tal-fidda u tad-deheb u lbiesi u tahom lil Rebekka, u ta affarijiet taʼ valur lil ħuha u lil ommha. 54  Wara dan, hu u l-irġiel li kienu miegħu kielu u xorbu, u qattgħu l-lejl hemmhekk. Meta qam filgħodu, hu qal: “Ibagħtuni għand sidi.” 55  Ħuha u ommha wiġbuh: “Ħa tibqaʼ magħna t-tfajla għall-inqas għaxart ijiem oħra. Imbagħad tkun tistaʼ tmur.” 56  Imma hu qalilhom: “Iżżommunix hawnhekk ladarba rajtu li Ġeħova għenni nirnexxi fil-vjaġġ. Ibagħtuni, biex immur għand sidi.” 57  Għalhekk qalulu: “Ejja ngħajtu lit-tfajla u naraw x’tgħid.” 58  Huma għajtu lil Rebekka u staqsewha: “Trid tmur maʼ dan ir-raġel issa?” Hi wieġbet: “Iva, irrid immur.” 59  Għalhekk bagħtu lil Rebekka* u lil dik li darba kienet tieħu ħsiebha* u lill-qaddej t’Abraham u lill-irġiel tiegħu. 60  U bierku lil oħthom u qalulha: “Rebekka, jalla d-dixxendenti tiegħek isiru ħafna eluf* u jieħdu f’idejhom il-bliet* taʼ dawk li jobogħduhom.” 61  Imbagħad hi u l-qaddejja nisa tagħha qamu, rikbu fuq l-iġmla, u marru wara r-raġel. B’hekk, il-qaddej ħa lil Rebekka u telaq. 62  Issa Iżakk kien ġej lura mid-direzzjoni taʼ Bir-laħaj-roj, għax kien qed jgħix fl-art tan-Negeb. 63  Meta kienet nieżla x-xemx, Iżakk kien barra jippassiġġa fl-għalqa sabiex jimmedita. Meta ħares ’il fuq, ra l-iġmla ġejjin. 64  Meta Rebekka ħarset ’il fuq, hi rat lil Iżakk, u mill-ewwel niżlet minn fuq il-ġemel. 65  U staqsiet lill-qaddej: “Min hu dak ir-raġel miexi fl-għalqa li ġej jiltaqaʼ magħna?” U l-qaddej qalilha: “Dak sidi.” Għalhekk, qabdet il-velu tagħha u tgħattiet bih. 66  U l-qaddej irrakkonta lil Iżakk kulma kien għamel. 67  Imbagħad Iżakk daħħalha fit-tinda t’ommu Sara. Hu ħa lil Rebekka bħala martu u sar iħobbha. B’hekk, Iżakk ħassu aħjar wara li tilef lil ommu.

Noti taʼ taħt

Jew “Lil dawk li se jiġu minnek.”
Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.
Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.
Aktarx Laban.
Letteralment “li jien imxejt quddiemu.”
Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “indur lejn il-lemin jew lejn ix-xellug.”
Letteralment “lil oħthom Rebekka.”
Jiġifieri dik li kienet treddagħha imma issa taqdi bħala l-qaddejja tagħha.
Jew “issir omm taʼ eluf għal għaxart elef darba.”
Letteralment “il-bieb.”