Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Hija t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida eżatta?

Hija t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida eżatta?

L-​ewwel parti tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida ħarġet fl-​1950. Minn dakinhar ’l hawn, xi wħud ikkummentaw jew qajmu dubji dwar l-​eżattezza tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida * għax f’xi siltiet ma taqbilx ma’ traduzzjonijiet oħra tal-​Bibbja. Ir-​raġunijiet għal dawn id-​differenzi normalment jaqgħu taħt waħda minn dawn il-​kategoriji.

  • Taʼ min joqgħod fuqha. It-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida hija bbażata fuq riċerka u studju li huma aġġornati u fuq l-​aktar manuskritti antiki taʼ min joqgħod fuqhom. B’kuntrast, il-​King James Version tal-​1611 kienet ibbażata fuq manuskritti li ħafna drabi ma kinux daqstant eżatti u mhux antiki daqs dawk użati fit-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida.

  • Lealtà. It-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida tistinka biex twassal b’lealtà l-​messaġġ oriġinali li kien imnebbaħ minn Alla. (2 Timotju 3:16) Ħafna traduzzjonijiet tal-​Bibbja ma jibqgħux leali lejn il-​messaġġ t’Alla biex minflok jimxu wara t-​tradizzjonijiet tal-​bniedem. Pereżempju, meta jibdlu l-​isem persunali t’Alla, Ġeħova, b’titli bħal Mulej jew Alla.

  • Letterali. Kuntrarju għat-​tradutturi tal-​Bibbja li jiktbu fi kliemhom, it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida tittraduċi kliem b’mod letterali sakemm dan ma jirriżultax fi kliem mhux naturali jew li jaħbi l-​ħsieb tal-​kitba oriġinali. Tradutturi li jdawru fi kliemhom il-​kitba oriġinali tal-​Bibbja jistgħu jinkludu opinjonijiet tal-​bniedem jew iħallu barra dettalji importanti.

Differenzi bejn it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida u traduzzjonijiet oħra

Kotba nieqsa. Fil-​Bibbji tagħhom, il-​Kattoliċi Rumani u l-​Ortodossi tal-​Lvant jinkludu kotba li minn xi wħud huma magħrufin bħala l-​Apokrifi. Madankollu, dawn il-​kotba ma ġewx aċċettati bħala parti mill-​kotba mnebbħin tal-​Lhud, u huwa taʼ min jinnota li l-​Bibbja tgħid li l-​Lhud kienu dawk “fdati bid-​dikjarazzjonijiet sagri t’Alla.” (Rumani 3:1, 2) Għalhekk, it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida u ħafna tradizzjonijiet moderni oħra tal-​Bibbja b’kull raġun jeskludu l-​kotba tal-​Apokrifi.

Versi neqsin. F’xi traduzzjonijiet żdiedu versi u frażijiet li mhumiex fl-​aktar manuskritti antiki tal-​Bibbja li huma disponibbli, però t-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida ma tinkludix dan il-​materjal miżjud. F’ħafna traduzzjonijiet moderni jew tħallew barra dawn il-​versi li ġew miżjudin jew ġie magħruf il-​fatt li m’għandhomx l-​appoġġ mingħand l-​iktar sorsi taʼ min joqgħod fuqhom. *

Il-​kliem jitpoġġa b’mod differenti. Xi kultant, Bibbji tradotti kelma b’kelma mhumiex ċari jew jagħtu ideat żbaljati. Pereżempju, l-​istqarrija taʼ Ġesù f’​Mattew 5:3 ħafna drabi hija tradotta: “Henjin il-​foqra fl-​ispirtu.” (Għaqda Biblika Maltija, KŻ, Saydon) Ħafna ma jsibuhiex ċara t-​tifsira letterali taʼ “foqra fl-​ispirtu,” filwaqt li wħud jaħsbu li Ġesù kien qed jenfasizza l-​valur tal-​umiltà jew il-​faqar. Madankollu, il-​punt li għamel Ġesù kien li l-​ferħ veru jiġi milli nifhmu l-​ħtieġa għall-​gwida t’Alla. It-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida tittraduċi b’eżattezza dak li ried ifisser Ġesù permezz taʼ dan il-​kliem: “Henjin dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom.”​—Mattew 5:3.

Kummenti pożittivi dwar it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida minn studjużi li mhumiex Xhieda

  • F’ittra miktuba fit-​8 taʼ Diċembru 1950, it-​traduttur u l-​istudjuż magħruf tal-​Bibbja Edgar J. Goodspeed kiteb hekk rigward it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida ta’ l-​Iskrittura Griega Kristjana: “Jien interessat fix-​xogħol tagħkom u l-​fatt li jkopri d-​dinja kollha, u jien ferħan ħafna bit-​traduzzjoni ċara, naturali, u fluwenti. Nistaʼ nikkonferma li din turi varjetà kbira taʼ tagħlim serju u taʼ min joqgħod fuqu.”

    Edgar J. Goodspeed

  • Il-​Professur Allen Wikgren tal-​Università taʼ Chicago semma t-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida bħala eżempju taʼ traduzzjoni li ma tużax lingwaġġ antik. Hu qal li ma tittraduċix minn tradizzjonijiet oħra, imma minflok mill-​kitbiet oriġinali.​—The Interpreter’s Bible, Volume I, paġna 99.

  • Meta kkummenta dwar it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida ta’ l-​Iskrittura Griega Kristjana, kritiku tal-​Bibbja mill-​Britannja li jismu Alexander Thomson kiteb: “Jidher li t-​traduzzjoni hija x-​xogħol taʼ studjużi bravi u tas-​sengħa, li fittxew li joħorġu kemm jistgħu s-​sens veru tat-​test Grieg, sakemm hu possibbli bil-​lingwa Ingliża.”​—The Differentiator, April 1952, paġna 52.

  • Minkejja l-​fatt li ħaseb li t-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida kellha kemm affarijiet mhux tas-​soltu u kemm affarijiet taʼ kwalità għolja, Robert M. McCoy ikkonkluda r-​rapport tiegħu dwarha billi qal: “It-​traduzzjoni tat-​Testment il-​Ġdid hija evidenza li f’dan il-​moviment [fost ix-​Xhieda taʼ Ġeħova] hemm studjużi kwalifikati biex jittrattaw b’mod intelliġenti l-​ħafna problemi tat-​traduzzjoni Biblika.”​—Andover Newton Quarterly, Jannar 1963, paġna 31.

  • Il-​Professur S. MacLean Gilmour, filwaqt li ma jaqbilx mal-​mod kif ġew tradotti xi affarijiet li jinsabu fit-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida, xorta waħda rrikonoxxa li t-​tradutturi tagħha “b’mod straordinarju wrew li kienu jinqalgħu fil-​Grieg.”​—Andover Newton Quarterly, Settembru 1966, paġna 26.

  • Fir-​rapport li kiteb dwar it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida li tifforma parti mill-​Kingdom Interlinear Translation of the Greek Scriptures, il-​Professur Assoċjat Thomas N. Winter qal: “It-​traduzzjoni li saret minn kumitat anonimu hija aġġornata għalkollox u miktuba b’eżattezza b’mod konsistenti.”​—The Classical Journal, April-​Mejju 1974, paġna 376.

  • Il-​Professur Benjamin Kedar, studjuż tal-​Ebrajk f’Iżrael, qal dan fl-​1989: “Fir-​riċerka lingwistika tiegħi f’konnessjoni mal-​Bibbja u t-​traduzzjonijiet Ebrajċi, taʼ spiss nirreferi għall-​edizzjoni bl-​Ingliż taʼ dik li hi magħrufa bħala t-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida. Meta nagħmel dan, insib li qed nikkonferma ripetutament li din il-​biċċa xogħol tirrifletti sforz onest biex tinkiseb fehma tat-​test li hija eżatta kemm jistaʼ jkun.”

  • Ibbażat fuq l-​analisi tiegħu taʼ disaʼ traduzzjonijiet Ingliżi ewlenin, Jason David BeDuhn, professur assoċjat tal-​istudju reliġjuż, kiteb: “Jidher li t-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida hija l-​iktar waħda eżatta mit-​traduzzjonijiet kollha li qabbilt.” Għalkemm in-​nies inġenerali u ħafna studjużi tal-​Bibbja jassumu li differenzi fit-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida huma riżultat taʼ preġudizzju reliġjuż min-​naħa tat-​tradutturi, BeDuhn qal li l-​maġġoranza tad-​differenzi huma minħabba l-​fatt li tradutturi tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida pprovaw ikunu eżatti kemm jistaʼ jkun, u b’hekk imxew mill-​qrib mal-​kitba oriġinali tat-​Testment il-​Ġdid.​—Truth in Translation, paġni 163, 165.

^ par. 2 Il-​kummenti japplikaw għall-​edizzjonijiet tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida bl-​Ingliż qabel ma ħarġet ir-​reviżjoni tal-​2013. It-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida bil-​Malti hija bbażata fuq il-​verżjoni Ingliża, imma t-​tradutturi rreferew għall-​kitba bil-​lingwa oriġinali biex jagħmlu ċert li sar kollox bl-​eżatt.

^ par. 8 Pereżempju, ara l-​Bibbja taʼ Saydon. Il-​versi miżjudin huma Mattew 23:14; Marku 9:44, 46; 11:26; 15:28; Luqa 23:17; Atti 15:34; 28:29; u Rumani 16:24. Il-​Bibbja taʼ Karm Żammit u Saydon jinkludu silta favur it-​Trinità fl-​1 Ġwanni 5:7, 8, li kienet miżjuda mijiet taʼ snin wara li nkitbet il-​Bibbja.