Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jitħalltu maʼ reliġjonijiet oħra fil-​qima tagħhom?

Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jitħalltu maʼ reliġjonijiet oħra fil-​qima tagħhom?

Bħala Xhieda taʼ Ġeħova nieħdu pjaċir niddiskutu dwar il-​fidi maʼ nies taʼ kull reliġjon, imma aħna ma nitħalltux maʼ reliġjonijiet oħra, jiġifieri ma niħdux sehem fil-​qima maʼ dawk li għandhom twemmin differenti minn tagħna. Il-​Bibbja turi li l-​Kristjani veri huma “magħqudin,” u r-​raġuni għala huma magħqudin hi għax ilkoll jemmnu l-​istess. (1 Korintin 1:10; Efesin 4:16; Filippin 2:2) Dan jinvolvi iktar milli sempliċiment naqblu fuq il-​valur taʼ kwalitajiet importanti bħalma huma l-​imħabba, il-​ħniena, u l-​maħfra. It-​twemmin reliġjuż tagħna hu bbażat fuq għarfien eżatt tal-​Bibbja, u li kieku mhux hekk, dak li nemmnu jkun għalxejn.—Rumani 10:2, 3.

Fil-​Bibbja, li wieħed jingħaqad f’qima ma’ nies taʼ reliġjonijiet oħra, ikun bħallikieku dan qiegħed taħt madmad mhux indaqs. Dan iwassal biex ma jkunx hemm qbil u jagħmel ħsara lill-​fidi taʼ Kristjan. (2 Korintin 6:14-​17) Għalhekk, Ġesù ma ppermettiex li d-​dixxipli tiegħu jitħalltu ma’ reliġjonijiet oħra fil-​qima tagħhom. (Mattew 12:30; Ġwanni 14:6) Bl-​istess mod, il-​Liġi t’Alla permezz taʼ Mosè ma ppermettietx lill-​Iżraelin tal-​passat biex jingħaqdu fil-​qima man-​nies tal-​pajjiżi tal-​madwar. (Eżodu 34:11-​14) Iktar tard, Iżraelin leali rrifjutaw li jingħataw għajnuna li setgħet twassalhom f’li jingħaqdu fil-​qima maʼ nies taʼ reliġjonijiet oħra.​—Esdra 4:1-​3.

Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu sehem f’diskussjonijiet maʼ dawk taʼ reliġjonijiet oħra?

Iva. Infatti, matul l-​2018 aħna qattajna 2,074,655,497 siegħa nitkellmu maʼ nies taʼ reliġjonijiet oħra. Bħall-​appostlu Pawlu, aħna jinteressana li nifhmu lil kemm jistaʼ jkun nies fil-​ministeru tagħna dwar dak li jaħsbu u jemmnu. (1 Korintin 9:19-​22) Matul id-​diskussjonijiet tagħna, aħna nipprovaw b’mod sinċier li napplikaw il-​parir tal-​Bibbja biex nuru “rispett profond” lejn il-​persuna l-​oħra.—1 Pietru 3:15.