Ħafna nies iqisu s-salib bħala s-simbolu universali tal-Kristjanità. Għalkemm bħala Xhieda taʼ Ġeħova aħna Kristjani, ma nużawx is-salib fil-qima tagħna. Għala le?

Raġuni waħda hi li l-Bibbja tindika li Ġesù ma mietx fuq salib imma minflok fuq zokk sempliċi. Barra minn hekk, il-Bibbja twissi lill-Kristjani b’mod sod biex ‘jaħarbu mill-idolatrija,’ u dan ifisser li ma jużawx is-salib fil-qima.​—1 Korintin 10:14; 1 Ġwanni 5:21.

Taʼ min jinnota li Ġesù qal: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwanni 13:34, 35) Ġesù b’hekk indika li l-imħabba li tqanqalna nagħmlu sagrifiċċji​—mhux is-salib jew kwalunkwe xbieha oħra​—kienet se tidentifika lis-segwaċi veri tiegħu.