Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jibqgħu newtrali fil-politika minħabba raġunijiet reliġjużi bbażati fuq dak li tgħallem il-Bibbja. Aħna la nivvotaw u lanqas ma nikkanvassjaw * lill-partiti politiċi jew lill-kandidati. Barra minn hekk, aħna ma noħorġux għall-politika jew nieħdu sehem f’attivitajiet li jħeġġu bidla fil-gvern. Aħna nemmnu li l-Bibbja tagħtina raġunijiet taʼ min joqgħod fuqhom biex nibqgħu newtrali.

  • Aħna nsegwu l-eżempju taʼ Ġesù, li rrifjuta li jaċċetta pożizzjoni politika. (Ġwanni 6:15) Hu għallem lid-dixxipli tiegħu biex ‘ma jkunux parti mid-dinja’ u għamilhielhom ċara li m’għandhom iżommu m’ebda naħa fi kwistjonijiet politiċi.—Ġwanni 17:14, 16; 18:36; Marku 12:13-17.

  • Aħna leali lejn is-Saltna t’Alla, li Ġesù tkellem dwarha meta qal: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha.” (Mattew 24:14) Bħala rappreżentanti tas-Saltna t’Alla, inkarigati biex inħabbru l-miġja tagħha, aħna nibqgħu newtrali fil-kwistjonijiet politiċi taʼ kull pajjiż, inkluż tal-pajjiż li ngħixu fih.—2 Korintin 5:20; Efesin 6:20.

  • Billi nibqgħu newtrali għandna l-libertà li nitkellmu maʼ kulħadd dwar l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla, hu x’inhu t-twemmin politiku tagħhom. Aħna nipprovaw nuru kemm bi kliemna kif ukoll b’għemilna li nistrieħu fuq is-Saltna t’Alla biex issolvi l-problemi tad-dinja.—Salm 56:11.

  • Peress li m’għandniex firdiet politiċi, aħna magħqudin bħala fratellanza internazzjonali. (Kolossin 3:14; 1 Pietru 2:17) Għall-kuntrarju, reliġjonijiet li jindaħlu fil-politika jifirdu l-membri tagħhom.—1 Korintin 1:10.

Rispett lejn il-gvernijiet. Minkejja li ma niħdux sehem fil-politika, aħna nirrispettaw l-awtorità tal-gvernijiet. Dan hu fi qbil mal-kmand tal-Bibbja: “Ħa tkun kull ruħ sottomessa lejn l-awtoritajiet superjuri.” (Rumani 13:1) Aħna nobdu l-liġi, inħallsu t-taxxi, u nikkooperaw mal-isforzi tal-gvern biex jaħdem għall-ġid u s-saħħa taċ-ċittadini tiegħu. Minflok ma nissieħbu maʼ dawk li jipprovaw iwaqqgħu l-gvern, aħna nsegwu l-parir tal-Bibbja biex nitolbu “għas-slaten u għal kulmin għandu pożizzjoni għolja,” speċjalment meta jkunu qed jieħdu deċiżjonijiet li jistgħu jeffettwaw il-libertà tal-qima.—1 Timotju 2:1, 2.

Barra minn hekk, aħna nirrispettaw il-fatt li kulħadd għandu dritt għad-deċiżjoni tiegħu fi kwistjonijiet politiċi. Pereżempju, aħna ma noħolqux tfixkil fl-elezzjonijiet u lanqas ma nindaħlu lil dawk li jagħżlu li jmorru jivvotaw.

In-newtralità tagħna hi xi ħaġa ġdida? Le. L-appostli u Kristjani oħra tal-ewwel seklu kellhom l-istess ħarsa lejn l-awtoritajiet tal-gvern. Il-ktieb Beyond Good Intentions jgħid: “Għalkemm kienu jaċċettaw li kellhom l-obbligu li jirrispettaw lill-awtoritajiet governattivi, il-Kristjani tal-bidu ma kinux jaċċettaw li jieħdu sehem fi kwistjonijiet politiċi.” B’mod simili, il-ktieb On the Road to Civilization jgħid li l-Kristjani tal-bidu “ma kinux jaċċettaw xi kariga politika.”

In-newtralità politika tagħna hi taʼ periklu għas-sigurtà tal-pajjiż? Le. Aħna ċittadini li nħobbu l-paċi u l-awtoritajiet tal-gvern m’għandhomx għal xiex jibżgħu minna. Ikkunsidra rapport li sar fl-2001 mill-Akkademja Nazzjonali tax-Xjenza fl-Ukraina. Meta tkellem dwar in-newtralità politika tagħna, ir-rapport qal: “Illum, xi wħud tistaʼ ma togħġobhomx din il-waqfa tax-Xhieda taʼ Ġeħova; din kienet raġuni bażika għala ġew akkużati mir-reġimi totalitarji tan-Nazi u tal-Komunisti fil-passat.” Imma, saħansitra meta x-Xhieda kienu taħt it-tgħakkis tal-gvern Sovjetiku, huma “baqgħu ċittadini li jobdu l-liġi. Huma b’mod onest u bla egoiżmu ħadmu fi rziezet u f’fabbriki u ma kienu t’ebda periklu għar-reġim Komunista.” Bl-istess mod illum, it-twemmin u l-prattiki tax-Xhieda taʼ Ġeħova “mhumiex taʼ ħsara għas-sigurtà u għall-integrità taʼ kwalunkwe stat,” ikkonkluda r-rapport.

^ par. 2 Individwu li jikkanvassja jipprova jipperswadi lil oħrajn biex jappoġġaw lil xi partit.