Rapport għas-​sena taʼ servizz * 2017

Numru taʼ Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-​dinja

8,457,107

Kongregazzjonijiet

120,053

Artijiet fejn jippritkaw ix-​Xhieda taʼ Ġeħova

240

Kif tgħoddu kemm qegħdin membri?

Bħala Xhieda taʼ Ġeħova ngħoddu biss lil dawk li b’mod attiv jippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla kull xahar. (Mattew 24:14) Dan jinkludi lil dawk li tgħammdu bħala Xhieda kif ukoll lil dawk li, għalkemm għadhom ma tgħammdux, jikkwalifikaw biex jieħdu sehem fix-​xogħol tal-​ippritkar.

Hemm bżonn li individwu jagħti l-​flus biex ikun membru?

Le. Id-​donazzjonijiet m’għandhomx x’jaqsmu jekk individwu jiġix magħdud bħala Xhud jew jekk jingħatax xi inkarigu jew privileġġ partikulari fl-​organizzazzjoni tagħna. (Atti 8:18-​20) Infatti, il-​biċċa l-​kbira mid-​donazzjonijiet isiru b’mod anonimu. Kull Xhud jagħti mill-​ħin, l-​enerġija, u r-​riżorsi tiegħu għax-​xogħol tagħna madwar id-​dinja skont ix-​xewqa u ċ-​ċirkustanzi tiegħu.—2 Korintin 9:7.

Kif tafu kemm hemm uħud li qed jippritkaw b’mod attiv?

Kull xahar, ix-​Xhieda jagħtu rapport tal-​attività tagħhom fl-​ippritkar lill-​kongregazzjoni lokali tagħhom. Dan ir-​rapport isir b’mod volontarju.

Ir-​rapporti tal-​kongregazzjonijiet jiġu magħdudin flimkien, u t-​totali jintbagħtu lill-​uffiċċju tal-​fergħa lokali. Il-​fergħa tibgħat it-​totali taʼ kull pajjiż jew territorju lill-​kwartieri ġenerali tagħna.

Fit-​tmiem taʼ kull sena taʼ servizz, * jiġi determinat l-​ogħla numru taʼ Xhieda għal kull pajjiż matul dik is-​sena. Dawn il-​figuri jiġu magħdudin flimkien biex inkunu nafu l-​għadd taʼ Xhieda madwar id-​dinja. Rapporti dettaljati taʼ kull pajjiż huma ppubblikati fis-sezzjoni “Madwar id-dinja” fil-websajt tagħna. Dawn ir-​rapporti jinkuraġġuna, bħalma rapporti simili inkuraġġew lill-​Kristjani tal-​bidu.—Atti 2:41; 4:4; 15:3.

Tgħoddu lil dawk li jassoċjaw mal-​organizzazzjoni tagħkom li ma jippritkawx?

Għalkemm ma ninkludux lil dawn l-​uħud fl-​għadd taʼ Xhieda, aħna nilqgħuhom fil-​kongregazzjonijiet tagħna. Il-​biċċa l-​kbira minnhom jattendu t-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu kull sena, allura l-​għadd taʼ dawn l-​uħud jistaʼ bejn wieħed u ieħor jiġi determinat mid-​differenza bejn l-​attendenza għal din il-​laqgħa u n-​numru taʼ Xhieda. Fl-​2017, l-​attendenza għat-​Tifkira kienet 20,175,477.

Ħafna li ma jattendux il-​laqgħat tagħna jibbenefikaw mill-​programm tagħna taʼ studju tal-​Bibbja fid-​dar bla ħlas. Matul l-​2017, kull xahar kellna medja taʼ 10,071,524 studju tal-​Bibbja, u ftit minn dawn kienu maʼ diversi individwi f’daqqa.

Ċensimenti tal-​gvernijiet għala jgħidu li hemm iktar Xhieda milli juru l-​figuri tagħkom?

Uffiċċji taċ-​ċensiment tal-​gvern spiss iġibu l-​figuri tagħhom billi jistaqsu lin-​nies maʼ liema grupp reliġjuż jidentifikaw lilhom infushom. Pereżempju, l-​Uffiċċju taċ-​Ċensiment tal-​Istati Uniti jgħid li fl-​istħarriġ tagħhom “ipprovaw jiddeterminaw jekk dawk li mlew l-​istħarriġ qisux lilhom infushom bħala li huma membri taʼ xi komunità reliġjuża,” u żiedu jgħidu li l-​figuri finali huma bbażati fuq opinjonijiet persunali u mhux fuq fatti. Bħala kuntrast, aħna bħala Xhieda taʼ Ġeħova ngħoddu biss lil dawk li jippritkaw lil oħrajn u li jirrapportaw din l-​attività, u mhux dawk li sempliċement jgħidu li huma Xhieda.

^ par. 2 Sena taʼ servizz tibda mill-​1 taʼ Settembru sal-​31 t’Awwissu tas-​sena taʼ wara. Pereżempju, is-​sena taʼ servizz 2015 bdiet fl-​1 taʼ Settembru 2014 u spiċċat fil-​31 t’Awwissu 2015.

^ par. 16 Sena taʼ servizz tibda mill-​1 taʼ Settembru sal-​31 t’Awwissu tas-​sena taʼ wara. Pereżempju, is-​sena taʼ servizz 2015 bdiet fl-​1 taʼ Settembru 2014 u spiċċat fil-​31 t’Awwissu 2015.