Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova għala josservaw l-Ikla tal-Mulej differenti minn reliġjonijiet oħrajn?

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova għala josservaw l-Ikla tal-Mulej differenti minn reliġjonijiet oħrajn?

Aħna nżommu maʼ dak li tgħid il-​Bibbja meta nosservaw l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej, li hi magħrufa wkoll bħala “l-​ikla tal-​Mulej,” l-​Aħħar Ċena, u t-​Tifkira tal-​mewt taʼ Ġesù. (1 Korintin 11:20; Il-​Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) B’kuntrast, ħafna twemmin u prattiki taʼ gruppi reliġjużi oħra rigward din l-​osservanza mhumiex ibbażati fuq il-​Bibbja.

L-​iskop

L-​iskop tal-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej hi li niftakru f’Ġesù u nuru l-​gratitudni tagħna għas-​sagrifiċċju li għamel għall-​benefiċċju tagħna. (Mattew 20:28; 1 Korintin 11:24) Din l-​osservanza mhijiex xi sagrament jew xi prattika reliġjuża li biha taqlaʼ xi grazzja jew jinħafru d-​dnubiet. * Il-​Bibbja ma tgħallimx li dnubietna jistgħu jinħafru permezz taʼ rit reliġjuż, imma li jistgħu jinħafru biss jekk ikollna fidi f’Ġesù.—Rumani 3:25; 1 Ġwanni 2:1, 2.

Kemm-​il darba għandna nosservawha?

Ġesù kkmanda lid-​dixxipli tiegħu biex jikkommemoraw l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej, imma ma qalx speċifikament kemm-​il darba. (Luqa 22:19) Xi wħud iħossu li għandha tiġi osservata kull xahar, waqt li oħrajn josservawha kull ġimgħa, kuljum, diversi drabi kuljum, jew kemm-​il darba jħossu li hu xieraq. Madankollu, hemm xi fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati.

Ġesù stabbilixxa l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej fl-​istess ġurnata tal-​Qbiż Lhudi, u hu miet iktar tard dakinhar. (Mattew 26:1, 2) Dan ma kienx kumbinazzjoni. L-​Iskrittura tqabbel is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù mal-​ħaruf tal-​Qbiż. (1 Korintin 5:7, 8) Il-​Qbiż kien jiġi ċċelebrat darba fis-​sena. (Eżodu 12:1-​6; Levitiku 23:5) Bl-​istess mod, il-​Kristjani tal-​bidu kienu josservaw it-​Tifkira tal-​mewt taʼ Ġesù darba fis-​sena, * u x-​Xhieda taʼ Ġeħova jsegwu dan l-​eżempju li hu bbażat fuq il-​Bibbja.

Id-​data u l-​ħin

L-​eżempju li stabbilixxa Ġesù mhux biss jgħinna niddeterminaw kemm-​il darba għandha ssir it-​Tifkira imma anki d-​data u l-​ħin tagħha. Hu beda din l-​osservanza wara nżul ix-​xemx fl-​14 taʼ Nisan tas-​sena 33 WK, skont il-​kalendarju qamri tal-​Bibbja. (Mattew 26:18-​20, 26) Aħna nkomplu nosservaw it-​Tifkira f’dan il-​jum kull sena, u b’hekk insegwu l-​prattika tal-​Kristjani tal-​bidu. *

Għalkemm l-​14 taʼ Nisan tas-​sena 33 WK kien il-​Ġimgħa, l-​anniversarju jistaʼ jinzerta ġurnata differenti kull sena. Aħna nikkalkulaw meta jkun l-​14 taʼ Nisan taʼ kull sena billi nużaw l-​istess metodu li kien jintuża fi żmien Ġesù, u ma nużawx il-​metodu li ntuża għall-​kalendarju Lhudi modern. *

Il-​ħobż u l-​inbid

Għal din l-​osservanza l-​ġdida, Ġesù uża ħobż bla ħmira u nbid aħmar li kien fadal mill-​ikla tal-​Qbiż. (Mattew 26:26-​28) Aħna nsegwu l-​eżempju tiegħu billi nużaw ħobż bla ħmira jew bla ingredjenti miżjuda u nbid aħmar pur, mhux meraq tal-​għeneb jew inbid li ġie miżjud biz-​zokkor, alkoħol, jew ħwawar.

Xi reliġjonijiet jużaw ħobż bil-​ħmira, imma fil-​Bibbja l-​ħmira spiss hi simbolu tad-​dnub u l-​korruzzjoni. (Luqa 12:1; 1 Korintin 5:6-​8; Galatin 5:7-​9) B’hekk, ħobż biss li jkun bla ħmira jew affarijiet oħra jistaʼ jkun xieraq biex jissimbolizza l-​ġisem bla dnub taʼ Kristu. (1 Pietru 2:22) Prattika oħra li mhix ibbażata fuq il-​Bibbja hi dik li jintuża meraq tal-​għeneb mhux fermentat minflok inbid. Xi knejjes jagħmlu hekk minħabba li jipprojbixxu x-​xorb alkoħoliku minkejja li din mhix xi ħaġa Skritturali.—1 Timotju 5:23.

Emblemi u mhux ġisem u demm letterali

Il-​ħobż bla ħmira u l-​inbid aħmar li jintużaw fit-​Tifkira huma emblemi, jew simboli, tal-​ġisem u d-​demm taʼ Kristu. Dawn ma jiġux mibdulin b’mod mirakoluż jew jitħalltu mal-​laħam u d-​demm letterali tiegħu, bħalma jħossu xi wħud. Ikkunsidra l-​bażi Skritturali għal din il-​fehma.

  • Kieku Ġesù kkmanda lid-​dixxipli tiegħu biex jixorbu demmu, allura kieku kien ikun qed jikser il-​liġi t’Alla li hi kontra li jittieħed id-​demm. (Ġenesi 9:4; Atti 15:28, 29) Imma dan ma jistax ikun, għax Ġesù qatt ma kien se jgħallem lil oħrajn biex jiksru l-​liġi t’Alla rigward il-​qdusija tad-​demm.—Ġwanni 8:28, 29.

  • Kieku l-​appostli xorbu letteralment id-​demm taʼ Ġesù, kieku ma kienx jgħid li demmu “se jixxerred,” għax dan jindika li s-​sagrifiċċju kien għadu se jsir.—Mattew 26:28.

  • Is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù sar “darba għal dejjem.” (Ebrej 9:25, 26) Però, li kieku l-​ħobż u l-​inbid jinbidlu fil-​ġisem u d-​demm tiegħu matul l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej, allura kieku dawk li jieħdu sehem fiha jkunu qed jirripetu dan is-​sagrifiċċju.

  • Ġesù qal: “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi,” u mhux “b’sagrifiċċju tiegħi.”—1 Korintin 11:24.

Dawk li jemmnu bit-​transustanzjazzjoni, li l-​ħobż u l-​inbid isiru letteralment il-​ġisem u d-​demm taʼ Ġesù, jibbażaw dan it-​tagħlim fuq ċerti versi tal-​Bibbja. Pereżempju, f’ħafna traduzzjonijiet tal-​Bibbja, Ġesù jingħad li qal dwar l-​inbid: “Dan hu demmi.” (Mattew 26:28) Madankollu, il-​kliem taʼ Ġesù jistaʼ jiġi tradott ukoll: “Dan jirrappreżenta d-​demm tiegħi,” “Dan jissimbolizza d-​demm tiegħi.” * Bħalma kien jagħmel spiss, Ġesù kien qed jgħallem permezz taʼ metafora.—Mattew 13:34, 35.

Min jieħu mill-​emblemi?

Meta x-​Xhieda taʼ Ġeħova josservaw l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej, huma ftit dawk li jieħdu mill-​ħobż u l-​inbid. Għala?

Id-​demm imxerred taʼ Ġesù stabbilixxa “patt ġdid” li ħa post il-​patt li kien hemm bejn Alla Ġeħova u l-​ġens tal-​Iżrael tal-​qedem. (Ebrej 8:10-​13) Dawk li huma f’dan il-​patt ġdid jieħdu mill-​emblemi tat-​Tifkira. Dan ma jinkludix lill-​Kristjani kollha, imma biss lil dawk li ġew “imsejħin” b’mod speċjali minn Alla. (Ebrej 9:15; Luqa 22:20) Dawn l-​uħud se jsaltnu fis-​sema maʼ Kristu, u l-​Bibbja tgħid li 144,000 biss jirċievu dan il-​privileġġ.—Luqa 22:28-​30; Rivelazzjoni 5:9, 10; 14:1, 3.

B’kuntrast għall-​“merħla żgħira” li ġew imsejħa biex isaltnu maʼ Kristu, il-​biċċa l-​kbira minna għandna t-​tama li nkunu parti minn “folla kbira” li se tingħata ħajja taʼ dejjem fuq l-​art. (Luqa 12:32; Rivelazzjoni 7:9, 10) Għalkemm dawk minna li għandna tama għall-​art ma niħdux mill-​emblemi tat-​Tifkira, xorta waħda nattendu biex nuru l-​apprezzament tagħna għas-​sagrifiċċju li Ġesù għamel għall-​benefiċċju tagħna.—1 Ġwanni 2:2.

^ par. 4 F’McClintock and Strong’s Cyclopedia, Volume IX, paġna 212, insibu: “It-​terminu sagrament ma jinstabx fit-​T[estment] il-​Ġ[did]; u l-​kelma Griega μυστήριον [misterjon] fl-​ebda eżempju ma tapplika għall-​magħmudija jew l-​ikla tal-​Mulej, jew għal xi osservanza oħra.”

^ par. 7 Ara The New Schaff-​Herzog Encyclopedia of Religious Knowledge, Volume IV, paġni 43-​44, u McClintock and Strong’s Cyclopedia, Volume VIII, paġna 836.

^ par. 9 Ara The New Cambridge History of the Bible, Volume 1, paġna 841.

^ par. 10 Il-​kalendarju Lhudi modern jiddetermina l-​bidu tax-​xahar taʼ Nisan permezz tal-​qamar ġdid astronomiku, imma din it-​teknika ma kinitx tintuża fl-​ewwel seklu. Minflok, ix-​xahar kien jibda meta l-​qamar ġdid kien viżibbli f’Ġerusalemm, li jistaʼ jkun jum jew aktar wara li jidher il-​qamar ġdid astronomiku. Din id-​differenza hi waħda mir-​raġunijiet għala d-​data li fiha x-​Xhieda taʼ Ġeħova josservaw it-​Tifkira mhux dejjem tinzerta mad-​data li jużaw il-​Lhud taʼ żmienna għall-​Qbiż.

^ par. 20 Ara A New Translation of the Bible, by James Moffatt; The New Testament​—A Translation in the Language of the People, by Charles B. Williams; u The Original New Testament, by Hugh J. Schonfield.