Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jagħmlu pressjoni fuq in-nies biex ibiddlu r-reliġjon tagħhom?

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jagħmlu pressjoni fuq in-nies biex ibiddlu r-reliġjon tagħhom?

Le, ma nagħmlux pressjoni. Fir-​rivista prinċipali tagħna, It-​Torri tal-​Għassa, għedna: “Li tisforza lin-​nies biex ibiddlu r-​reliġjon tagħhom huwa ħażin.” * Aħna nevitaw li nagħmlu pressjoni fuq in-​nies minħabba r-​raġunijiet li ġejjin:

  • Ġesù qatt ma sforza lil ħadd biex jaċċetta t-​tagħlim tiegħu. Hu kien jaf li ftit kienu se jkunu dawk li jaċċettaw il-​messaġġ tiegħu. (Mattew 7:13, 14) Meta xi wħud mid-​dixxipli tiegħu tfixklu minħabba dak li kien qal, hu ħalliehom jitilqu u ma pprovax jisforzahom jibqgħu.—Ġwanni 6:60-​62, 66-​68.

  • Ġesù m’għallimx lis-​segwaċi tiegħu biex iġiegħlu lil oħrajn ibiddlu t-​twemmin tagħhom. Minflok ma kellhom jipprovaw jisforzaw lin-​nies biex jaċċettaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna kontra r-​rieda tagħhom, id-​dixxipli tiegħu kellhom ifittxu lil dawk li kienu lesti li jisimgħu.—Mattew 10:7, 11-​14.

  • Li xi ħadd ibiddel ir-​reliġjon għax jiġi mġiegħel hu bla siwi, għax Alla jaċċetta biss qima li tiġi mill-​qalb.—Dewteronomju 6:4, 5; Mattew 22:37, 38.

Huwa xogħolna li nikkonvertu lin-​nies?

Huwa minnu li aħna nxandru l-​messaġġ tal-​Bibbja “sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art,” u nagħmlu dan “pubblikament u minn dar għal dar,” bħalma tikkmandana l-​Bibbja. (Atti 1:8; 10:42; 20:20) U bħall-​Kristjani tal-​bidu, kultant niġu akkużati li nipperswadu lin-​nies b’mod illegali. (Atti 18:12, 13) Madankollu, dawn l-​akkużi huma foloz. Aħna ma nipprovawx nisforzaw it-​twemmin tagħna fuq oħrajn. Minflok, aħna nemmnu li n-​nies għandhom jitħallew jieħdu l-​għarfien sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni għaqlija.

Aħna la nipprovaw nisforzaw lin-​nies ibiddlu r-​reliġjon tagħhom, la nieħdu sehem f’xi attività politika bl-​iskuża tar-​reliġjon, u lanqas noffru vantaġġi materjali jew soċjali biex ikollna membri ġodda. Dan hu kuntrarju għal dak li jagħmlu xi wħud li jsostnu li huma Kristjani imma li jiddiżonoraw lil Kristu billi jagħmlu dawn l-​affarijiet. *

Bniedem għandu dritt ibiddel ir-​reliġjon?

Il-profeta Abraham ma baqax iħaddan ir-reliġjon tal-qraba tiegħu

Iva, il-​Bibbja turi li n-​nies għandhom id-​dritt li jbiddlu r-​reliġjon tagħhom. Fiha hemm ħafna eżempji taʼ wħud li ma baqgħux isegwu r-​reliġjon tal-​qraba tagħhom, imma minflok bir-​rieda ħielsa tagħhom, iddeċidew li jqimu lill-​Alla l-​veru. Abraham, Rut, xi nies minn Ateni, u l-​appostlu Pawlu huma biss ftit mill-​eżempji. (Ġożwè 24:2; Rut 1:14-​16; Atti 17:22, 30-​34; Galatin 1:14, 23) Barra minn hekk, il-​Bibbja saħansitra tirrikonoxxi d-​dritt li dak li jkun jiddeċiedi li ma jibqax iqim lil Alla bil-​mod kif japprova Hu, għalkemm din mhijiex deċiżjoni għaqlija.—1 Ġwanni 2:19.

Id-​dritt li dak li jkun ibiddel ir-​reliġjon hu appoġġat mid-​Dikjarazzjoni Universali tad-​Drittijiet tal-​Bniedem, li l-​Ġnus Magħquda ssejħilha “l-​bażi tal-​liġi tad-​drittijiet umani internazzjonali.” Dan id-​dokument jgħid li kulħadd għandu “l-​libertà li jbiddel ir-​reliġjon jew it-​twemmin tiegħu” u “li jistaʼ jfittex, jingħata, u jgħaddi informazzjoni u ideat,” inkluż ideat reliġjużi. * Naturalment, maʼ dawn id-​drittijiet hemm ukoll l-​obbligu li dak li jkun jirrispetta d-​dritt t’oħrajn kemm li jibqgħu fit-​twemmin tagħhom kif ukoll li ma jaċċettawx l-​ideat li ma jaqblux magħhom.

Meta bniedem ibiddel ir-​reliġjon ikun qed juri nuqqas taʼ rispett lejn it-​tradizzjonijiet u d-​drawwiet tal-​familja?

Dan m’għandux għalfejn ikun il-​każ. Il-​Bibbja tħeġġiġna biex nirrispettaw lil kulħadd, tkun xi tkun ir-​reliġjon tiegħu. (1 Pietru 2:17) Barra minn hekk, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jobdu l-​kmand tal-​Bibbja biex jonoraw lill-​ġenituri tagħhom, anki jekk għandhom reliġjon differenti.—Efesin 6:2, 3.

Xorta waħda, mhux kulħadd jaqbel mal-​ħarsa tal-​Bibbja. Mara li trabbiet iz-​Zambja tgħid: “Fil-​komunità tiegħi, li wieħed ibiddel ir-​reliġjon . . . kien meqjus bħala nuqqas taʼ lealtà, bħallikieku qed jittradixxi lill-​familja u lill-​komunità.” Din il-​mara ffaċċjat din il-​kwistjoni meta bħala żagħżugħa bdiet tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova u ftit wara ddeċidiet li tbiddel ir-​reliġjon tagħha. Hi tgħid: “Il-​ġenituri qaluli kemm-​il darba li ma kinux qed jieħdu gost bija u li kont qed niddiżappuntahom. Dan sibtu diffiċli ħafna, peress li l-​approvazzjoni tal-​ġenituri kienet tfisser ħafna għalija.  . . Il-​fatt li għażilt li nkun leali lejn Ġeħova minflok lejn it-​tradizzjonijiet reliġjużi ma jfissirx li qed nonqos milli nuri lealtà lejn il-​membri tal-​familja tiegħi.” *

^ par. 2 Ara l-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Jannar, 2002, paġna 12, paragrafu 15.

^ par. 8 Pereżempju, madwar is-​sena 785 WK, Karlumanju ħareġ digriet li fih impona l-​piena tal-​mewt fuq in-​nies tas-​Sassonja li ma ridux jitgħammdu bħala Kristjani. Ukoll, it-​trattat taʼ Paċi taʼ Augsburg, li ġie ffirmat fis-​sena 1555 WK minn gruppi li kienu qed jiġġieldu fl-​Imperu Ruman Qaddis, semma li kull ħakkiem taʼ post għandu jkun jew Kattoliku Ruman jew Luteran u li s-​sudditi tiegħu kollha kellhom jipprattikaw ir-​reliġjon tiegħu. Dawk li ma kinux iħaddnu r-​reliġjon tal-​ħakkiem kien ikollhom jemigraw.

^ par. 11 Drittijiet simili huma inklużi fl-​African Charter on Human and Peoples’ Rights, l-​American Declaration of the Rights and Duties of Man, it-​2004 Arab Charter on Human Rights, l-​ASEAN (Association of Southeast Asian Nations) Human Rights Declaration, il-​European Convention on Human Rights, u l-​International Covenant on Civil and Political Rights. Madankollu, anki nazzjonijiet li jsostnu li għandhom dawn id-​drittijiet mhux kollha jżommu magħhom kif suppost.

^ par. 14 Ġeħova hu l-​isem tal-​Alla l-​veru kif jidher fil-​Bibbja.