Bħala Xhieda taʼ Ġeħova ma niċċelebrawx għeluq is-snin, dan għax nemmnu li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ma jogħġbux lil Alla. Għalkemm il-Bibbja ma tipprojbixxix b’mod speċifiku ċ-ċelebrazzjonijiet taʼ għeluq is-snin, din tgħinna nirraġunaw fuq fatti importanti dwar din iċ-ċelebrazzjoni u tgħinna nifhmu x’inhi l-ħarsa t’Alla lejha. Ikkunsidra erbgħa minn dawn il-fatti u l-prinċipji Bibliċi li għandhom x’jaqsmu magħhom.

  1. Iċ-ċelebrazzjonijiet taʼ għeluq is-snin għandhom oriġini pagana. Skont Funk & Wagnalls Standard Dictionary of Folklore, Mythology, and Legend, dawn iċ-ċelebrazzjonijiet oriġinaw mit-twemmin li f’għeluq is-snin taʼ persuna, “spirti u influwenzi mill-agħar ikollhom l-opportunità li jattakkaw il-persuna” imma “l-preżenza tal-ħbieb u l-awguri taʼ xewqat sbieħ jgħinu biex jipproteġuha.” Il-ktieb The Lore of Birthdays jgħid li fi żmien il-qedem, ir-rekords taʼ għeluq is-snin kienu “essenzjali għall-oroskopju” li kien ibbażat fuq “ix-xjenza sopranaturali tal-astroloġija.” Dan il-ktieb ikompli jgħid li “ħafna nies jemmnu li x-xemgħat li jintużaw f’għeluq is-snin għandhom qawwa maġika biex jaqtgħu x-xewqat.”

    Madankollu, il-Bibbja tikkundanna l-użu tal-maġija, it-teħbir, l-ispiritiżmu, jew affarijiet bħal dawn. (Dewteronomju 18:14; Galatin 5:19-21) Fil-fatt, raġuni waħda għala Alla kkundanna l-belt tal-qedem taʼ Babilonja kienet għax l-abitanti tagħha pprattikaw l-astroloġija, li hi tip taʼ teħbir. (Isaija 47:11-15) Bħala Xhieda taʼ Ġeħova ma noqogħdux inqattgħu ħafna ħin biex naraw l-oriġini taʼ kull drawwa; però, meta l-Bibbja tagħti direzzjoni ċara, ma ninjorawhiex.

  2. Il-Kristjani tal-bidu ma kinux jiċċelebraw għeluq is-snin. The World Book Encyclopedia tgħid li huma “kienu jqisu ċ-ċelebrazzjoni taʼ jum it-twelid taʼ persuna bħala drawwa pagana.” Il-Bibbja turi li l-appostli u oħrajn li ġew mgħallmin direttament minn Ġesù ħallew eżempju li għandhom isegwuh il-Kristjani kollha.—2 Tessalonikin 3:6.

  3. L-unika ċelebrazzjoni li l-Kristjani huma obbligati li jiċċelebraw hija l-mewt taʼ Ġesù, u mhux it-twelid tiegħu. (Luqa 22:17-20) Dan m’għandux jissorprendina, għax il-Bibbja tgħid li “jum il-mewt aħjar minn jum it-twelid.” (Ekkleżjasti 7:1) Sal-aħħar jum taʼ ħajtu fuq l-art, Ġesù kien għamel isem tajjeb m’Alla, u b’hekk il-jum li fih miet sar iktar importanti mill-jum li twieled fih.—Ebrej 1:4.

  4. Il-Bibbja qatt ma tgħid li xi qaddej t’Alla ċċelebra għeluq sninu. Dan mhux għax tħalla barra bi żball, infatti fil-Bibbja jissemmew żewġ ċelebrazzjonijiet taʼ għeluq is-snin li saru minn uħud li ma kinux jaqdu lil Alla. Madankollu, iż-żewġ ġrajjiet huma preżentati b’mod negattiv.—Ġenesi 40:20-22; Marku 6:21-29.

It-tfal tax-Xhieda taʼ Ġeħova jħossuhom imċaħħdin għax ma jiċċelebrawx għeluq sninhom?

Bħall-ġenituri tajbin kollha, ix-Xhieda juru li jħobbu lil uliedhom is-sena kollha, u dan jagħmluh anki billi jagħtuhom rigali u jagħmlu xi party. Huma jipprovaw isegwu l-eżempju perfett t’Alla, li jagħti affarijiet tajbin lil uliedu. (Mattew 7:11) It-tfal tax-Xhieda ma jħossuhomx imċaħħdin, bħalma juru dawn il-kummenti:

  • “Iktar nieħu pjaċir naqlaʼ rigal meta ma nkunx qed nistennieh.”—Tammy, 12-il sena.

  • “Għalkemm ma naqlax rigali f’għeluq snini, il-ġenituri tiegħi xorta jixtruli rigali f’okkażjonijiet oħra. Dan jogħġobni għax tkun sorpriża.”—Gregory, 11-il sena.

  • “Taħseb li għaxar minuti, kejk, u kanzunetta jagħmlu party? Trid tiġi d-dar tiegħi ħalli tkun taf x’inhu party taʼ veru!”—Eric, 6 snin.