Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kif iqisuh id-​divorzju?

Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kif iqisuh id-​divorzju?

Aħna nżommu mal-​ħarsa li għandha l-​Bibbja lejn iż-​żwieġ u d-​divorzju. Alla ħalaq iż-​żwieġ biex ikun rabta perfetta bejn raġel u mara. L-​unika bażi Skritturali għal divorzju hi l-​immoralità sesswali.—Mattew 19:5, 6, 9.

Ix-​Xhieda jipprovdu għajnuna għal koppji fi żwiġijiet b’ħafna problemi?

Iva, b’diversi modi:

  • Pubblikazzjonijiet. Dawn regolarment ikun fihom materjal li jsaħħaħ iż-​żwiġijiet, anki dawk li forsi jidhru li ma jistgħux jitranġaw. Pereżempju, ara l-​artikli “Żomm l-​Impenn fiż-​Żwieġ Tiegħek,” “Kif Taħfer,” u “Kif Terġaʼ Tinbena l-​Fiduċja.”

  • Laqgħat. Aħna niddiskutu l-​pariri prattiċi tal-​Bibbja għaż-​żwieġ, u dan nagħmluh fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, fl-​assembleat, u fil-​konvenzjonijiet tagħna.

  • Anzjani. Anzjani tal-​kongregazzjoni, li huma rġiel kwalifikati Skritturalment, jipprovdu għajnuna personali għal koppji miżżewġin, billi jidderieġu l-​attenzjoni tagħhom lejn skritturi bħal Efesin 5:22-​25.

Għandhom l-​anzjani tal-​kongregazzjoni japprovaw id-​divorzju taʼ Xhud?

Le. Anki meta l-​anzjani jiġu mitluba jgħinu koppja biex ikampaw maʼ diffikultajiet fiż-​żwieġ, huma m’għandhomx l-​awtorità jgħidu lill-​koppja x’għandha tagħmel. (Galatin 6:5) Madankollu, xi ħadd li jagħżel li jiddivorzja mingħajr bażi Skritturali mhuwiex Skritturalment ħieles biex jerġaʼ jiżżewweġ.—1 Timotju 3:1, 5, 12.

Ix-​Xhieda kif iqisuha s-​separazzjoni?

Il-​Bibbja tinkuraġġixxi lill-​miżżewġin biex jibqgħu flimkien saħansitra f’ċirkustanzi li mhumiex ideali. (1 Korintin 7:10-​16) Ħafna problemi jistgħu jissolvew permezz taʼ talb mill-​qalb, billi jiġu applikati prinċipji Bibliċi, u billi tintwera l-​imħabba.—1 Korintin 13:4-​8; Galatin 5:22.

Minkejja dan, f’każi estremi bħal dawn li ġejjin, xi Kristjani ddeċidew li jisseparaw minn mas-​sieħeb jew is-​sieħba fiż-​żwieġ:

  • Nuqqas taʼ manteniment magħmul bi ħsieb.—1 Timotju 5:8.

  • Abbuż fiżiku estrem.—Salm 11:5.

  • Periklu assolut għall-​ħajja spiritwali. Pereżempju, raġel jew mara miżżewġa tistaʼ tipprova ġġiegħel Xhud jikser il-​kmandamenti t’Alla b’xi mod, u s-​sieħeb jew sieħba mhedda għandha mnejn tiddeċiedi li s-​separazzjoni tkun l-​uniku mod biex ‘tobdi lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-​bnedmin.’—Atti 5:29.