Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ix-Xhieda ta’ Ġeħova biddlu l-Bibbja biex taqbel mat-twemmin tagħhom?

Ix-Xhieda ta’ Ġeħova biddlu l-Bibbja biex taqbel mat-twemmin tagħhom?

Le, m’għamilniex hekk. Għall-​kuntrarju, meta skoprejna li t-​twemmin tagħna ma kienx kompletament fi qbil mal-​Bibbja, aħna biddilna dan it-​twemmin.

Ħafna qabel ma bdejna nipproduċu t-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida ta’ l-​Iskrittura Mqaddsa fl-​1950, aħna studjajna l-​Bibbja. Użajna kwalunkwe traduzzjoni li kienet disponibbli, u bbażajna kompletament it-​twemmin tagħna skont dak li sibna. Ikkunsidra xi ftit eżempji taʼ twemmin li x-​Xhieda taʼ Ġeħova ilhom iħaddnu, u ddeċiedi għalik innifsek jekk jaqblux maʼ dak li verament tgħallem il-​Bibbja.

  1. Dak li aħna nemmnu: Alla mhux Trinità. Il-​ħarġa taʼ Zion’s Watch Tower (kif kien imsejjaħ It-​Torri tal-​Għassa taʼ dak iż-​żmien) taʼ Lulju 1882 qalet: “Il-​qarrejja tagħna huma konxji li għalkemm nemmnu f”Ġeħova u Ġesù, u l-​ispirtu qaddis, aħna niċħdu t-​tagħlim li bl-​ebda mod mhu Skritturali li dawn huma tliet allat f’persuna waħda jew, kif jgħidu xi wħud, alla wieħed fi tliet persuni.”

    Dak li tgħid il-​Bibbja: “Il-​Mulej, Alla tagħna, hu Mulej wieħed.” (Dewteronomju 6:4, Il-​Bibbja, Saydon) “Alla wieħed hemm: il-​Missier li minnu ġej kollox u aħna bih neżistu, u wieħed Mulej: Ġesù Kristu, li permezz tiegħu sar kollox u aħna għalih neżistu.”(1 Korintin 8:6, Il-​Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Ġesù nnifsu stqarr: “Il-​Missier hu akbar minni.”—Ġwanni 14:28, GħBM.

  2. Dak li aħna nemmnu: M’hemm l-​ebda turment etern fin-​nar tal-​infern. It-​titlu taʼ Zion’s Watch Tower taʼ Ġunju 1882 kien “Il-​ħlas tad-​dnub hu l-​mewt,” meħud minn Rumani 6:23 tal-​King James Version. Fil-​ħarġa ntqal: “Kemm hija ċara u sempliċi din l-​istqarrija. Kemm hija stramba li ħafna li jgħidu li jaċċettaw il-​Bibbja bħala l-​Kelma t’Alla jinsistu f’li jiċħdu din l-​istqarrija pożittiva u jisħqu li huma jemmnu, u li l-​Bibbja tgħallem, li l-​ħlas tad-​dnub hu ħajja eterna taʼ turment.”

    Dak li tgħid il-​Bibbja: “Ir-​ruħ li tidneb, tmut.” (Eżekjel 18:4, 20, Il-​Bibbja Mqaddsa, Karm Żammit) Il-​kastig finali għal dawk li jopponu lil Alla mhuwiex turment etern, imma “qerda taʼ dejjem.”—2 Tessalonikin 1:9, King James Version.

  3. Dak li aħna nemmnu: Is-​Saltna t’Alla hija gvern reali, mhux kundizzjoni tal-​qalb. Rigward is-​Saltna t’Alla, il-​ħarġa taʼ Zion’s Watch Tower taʼ Diċembru 1881 qalet: “Ovvjament, it-​twaqqif taʼ din is-​Saltna se jinvolvi li tegħleb is-​saltniet kollha tal-​art.”

    Dak li tgħid il-​Bibbja: “Fi żmien dawn is-​slaten, Alla tas-​sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt, u li l-​ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-​saltniet l-​oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”—Danjel 2:44, GħBM.

Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jiddependu mit-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida biex jappoġġaw it-​twemmin tagħhom?

Le, għaliex aħna nkomplu nużaw ħafna traduzzjonijiet tal-​Bibbja fix-​xogħol tal-​ippritkar tagħna. Fil-​fatt, filwaqt li nipprovdu kopja tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida b’xejn bħala parti mill-​istudju tal-​Bibbja bla ħlas, aħna lesti wkoll li nistudjaw maʼ wħud li jippreferu jużaw traduzzjonijiet oħra.